We’ve updated our Terms of Use to reflect our new entity name and address. You can review the changes here.
We’ve updated our Terms of Use. You can review the changes here.

G​ħ​anjiet Mumenti Ħelwin mal​-​papà Gaetano

by Mary Anne Zammit

supported by
/
  • Streaming + Download

    Includes unlimited streaming via the free Bandcamp app, plus high-quality download in MP3, FLAC and more.
    Purchasable with gift card

      €24 EUR  or more

     

1.
Denis, dak Denis tifel kap tal-imqarbin Qatt ma jkun id-dar ħlief f’xi nofsinhar Jagħmel stejjer mill-kbar Għaliex ħej Denis, dak Denis li jistudja m’għandux kont U fejn tarah ikun jilgħab bil-ballun Dat-tifel ftit brikkun. Għalxejn kultant missieru lil Danny jbeżbiżhielu; Fastidju u jittanta, Denis lil kulħadd jiskanta. Denis, dak Denis qatt ma għandu kwarta kwiet; Sejjer għall-bejtiet jew għaż-żrinġijiet, Qatta’ l-qmis u anke l-qalziet. Denis, dak Denis mhuwiex tifel malizzjuż Għalkemm prużuntuż, imma kuraġġuż, Tassew tifel gustus. Imma ħej, Denis, dak Denis kulma jara jtih bis-sieq. Jekk tarawh fit-triq, allavolja rqiq Tgħidu kemm hu żaqqieq; Mar jixtri l-murtadella mingħand tal-ħanut, Stella; Kif ’l ommu urihielha tatu xebgħa għax naqqarhielha! Denis, dak Denis jieħu lil kulħadd biċ-ċajt, Iħobb lil kulħadd, ma jigdeb fuq ħadd, Tifel bħalu ma rajt qatt!
2.
Isimgħu darba xi ġrali bil-ħmar tiegħi... tiegħi: L-Imnarja għall-premju bih mort bit-tifel miegħi... miegħi. Fit-triq tar-Rabat kulħadd ġie ħabat għalina għax konna mexjin. In-nies bdew sejrin, “Xi ħmerija din! Għandhom ħmar; dawk imisshom rikbin!” U għalhekk jien għedt ’l ibni ż-żgħir biex jirkeb fuqu... fuqu U jien, bir-riedni f’idejja, bdejt insuqu... suqu. “Qisu farfett, tifel bla rispett, minn missieru kif ma jistħix!?” Din l-idea bi kwieti lili ma ħallitnix. U għalhekk niżżilt ’l ibni jsuq, imbagħad tlajt jiena... jiena. “Minn ibnu”, bdew jgħidu n-nies, mank għandi ħniena... ħniena! U għax tlajna t-tnejn kemm garr beda ġej: “Povru ħmar, miskin, ser joqtluh!” Dawn kienu l-ħbieb; lili ġieni l-ħsieb li norbtuh u fuq daharna nġorruh. Mixjin u poplu ta’ nies jgħaddu ż-żmien bina... bina Għaliex ma kienu raw qatt ħaġa bħal dina... dina! Waqagħlna l-ħmar u katavru sar. Din l-istorja ma ninsa qatt: Li fid-dinja le tista’ tikkuntenta ’l kulħadd.
3.
Fid-dinja kulħadd għandu xi delizzju, Fid-dinja kulħadd għandu xi namur; Haw min iħobb l-isports għall-eżerċizzju ‘Mma n-namra tiegħi din ta’ kaċċatur. Arani b’dak is-senter fuq spallejja, U skartoċċi madwar qaddi xi ħamsin, Il-kelba nżomm biċ-ċinga bejn idejja U barżakka għall-għasafar maqbudin. U għalkemm jgħidu li aħna l-kaċċaturi Bħal sħabna, is-sajjieda, giddibin, Did-darba lili emmnu lkoll sinjuri: B’tir wieħed jiena ġieli lqatt sittin ...x’gidba din! Iva żgur, iva żgur għax jien l-aqwa kaċċatur. Iva żgur, iva żgur għax jien l-aqwa miratur. B’idi vojta jien mill-kaċċa lejn id-dar qatt, le, ma mmur; Naqbad żgur, naqbad żgur għax jien veru kaċċatur. Filgħodu għal xi t-tlieta nqum mis-sodda U wara il-quddies, bla telf ta’ żmien, Bil-ġirja lejn id-dar nitlaq għall-għodda Ħa mmur lejn Dellimara għas-summien. Fettilli nidħol f’għalqa riservata U wieħed bidwi tani ħasla kliem; Ħasibni dħalt nisraqlu il-patata Mentri mort biex nispara għall-gamiem. Il-kaċċa lili titlef minn sensija; Kemm nieħu gost infaqqa’ l-isparar! Kull meta mmur barżakka nġib mimlija U x’ikla tajba nagħmel f’nofsinhar! Iva żgur, iva żgur għax jien l-aqwa kaċċatur. Iva żgur, iva żgur għax jien l-aqwa miratur. B’idi vojta jien mill-kaċċa lejn id-dar qatt, le, ma mmur; Naqbad żgur, naqbad żgur għax jien veru kaċċatur.
4.
Jien kelli ħija Tommy. Minn meta konna żgħar Kien jilgħab mas-suldati; miġnun għall-militar Kull sold li kien jiddobba, suldat taċ-ċomb jixtrih U fall-in fuq il-mejda kien jgħajjtilhom minnufih: Imxu, Suldali għall-manuvrar Din dixxiplina tal-militar Smart bil-beret flok beritta tal-pizz Tgħidulix, Kif? għax teħlu stop leave Mela march b’pass ħafif Qed nordnalkom b’servizz. Kif laħaq l-età tiegħu ingaġġa fir-riġment; Kulħadd ħa grazzja miegħu, malajr laħħquh surġent Għax b’leħnu, lis-suldati, kien jiddixxiplinahom Manuvri jew parati b’din l-għajta jiċċassahom: Imxu, Suldali għall-manuvrar Din dixxiplina tal-militar Smart bil-beret flok beritta tal-pizz Tgħidulix, Kif? għax teħlu stop leave Mela march b’pass ħafif Qed nordnalkom b’servizz. Imbagħad fi żmien il-kriżi minn tas-Suez Canal Kemm show quddiem l-Ingliżi għax ried jilħaq fizzjal Fit-toroq salt xenati minn seba’ mili bogħod Tisimgħu l-ordni jagħti b’dak leħnu qawwi u sod: Imxu, Suldali għall-manuvrar Din dixxiplina tal-militar Smart bil-beret flok beritta tal-pizz Tgħidulix, Kif? għax teħlu stop leave Mela march b’pass ħafif Qed nordnalkom b’servizz.
5.
Bħall-gondolier, f’dan il-mistier Barklor jien sirt, kont tfal u hekk bqajt, sallum li kbirt. Trabbejt ix-xatt, mort skola qatt U dan ix-xogħol ta’ fqir barklor jien waħdi qbadt. Trid tkun frejagta biex naqla’ l-ġurnata Kemm qdift binhar, billejl, kelli għalfejn! Għax f’dawn is-snin tgħidx kemm baħrin Bid-dgħajsa qtajt, abbord tellajt, lejn l-art wassalt. Barklor! Ġie l-waqt. Niżżewweġ xtaqt. F’dax-xogħol stinkajt, bil-flus li qlajt familja tmajt. Barklor jien bqajt pero ppruvajt Lit-tfal, kemm stajt, fi skola tajba edukajt. L-ulied kibruli u tlieta laħquli Perit, tabib, qassis; neħħewli l-piż. U illum sinjur bid-dgħajsa ndur; Nistad għall-ħut, barklor kif għext barklor sa mmut.
6.
Kif twelidt għad-dinja, jiena Lilek sibt l-akbar ħabib. Rasi ħsilt bl-ilma tal-ħniena; X’ferħ kbir fija mort iġġib! Ruħi ġbidt bħal kalamita Biex is-sema biss nixtieq, Fejn hi l-ħajja infinita, Fejn hi l-hena garantita Għax hemm jgħammar il-Ħallieq. Kontra l-għadu, fit-tfulija Minnek jien ġejt indukrat. Ruħi saret ferm qawwija; Tajtni l-Griżma u sirt suldat. Bdejt titmagħni ikel benna; Tibqa’ tħobbu meta dduq. U int għallimtni biex nithenna, Hemm fejn biss tinsab il-ġenna Għandi nitfa’ ħarsti ’l fuq. Fiż-żmien iebes taż-żgħożija Int erfajtni mill-waqgħat. Kont id-dawl li sibt għalija Waħda żgur mit-tliet triqat. Int lil ruħi qatt ma nsejtha; Fuqi bqajt dejjem attent. Tfajla sibt u ferm ħabbejtha, Lilha biss f’qalbi żammejtha, Żewwiġtn’ int, bqajt ngħix kuntent. U jien tfal għandi numru sewwa; Mill-aħjar dejjem rabbejt U għal kliemek kollu ħlewwa Bil-kuraġġ ħdimt u batejt. U nittama li tkun ħdejja Meta jasal dak iż-żmien Li fih jien nagħlaq għajnejja; Ħdejn is-sodda tiegħi ejja. Saċerdot inħobbok jien.
7.
Mama nispera li qiegħda tismagħni Għax dan id-disk sabiħ għamilt għalik U għalkemm bogħod minnek, ferm tixtieq tarani, Tkun taf li jiena ma nistax ninsik. Bih nurik li kulljum jiena moħħi fik. Emigrajt. Xorta nħobbok jien bqajt U bil-flus li ġemmajt issa xtrajt id-dar u saret tiegħi Biex haw’ l-Awstralja nġibek toqgħod miegħi. Diġa l-uffiċċju ktibt, tal-emigration U kollox irranġajt ħa titla’ żgur. Jien ħsibtlek mhux biss għall-accommodation; Biex tiġi bl-ajruplan flok bil-vapur. Ftit kuraġġ! Il-flus bgħattlek, aqta’ l-passaġġ. Niżżik ħajr. Fittex ejja malajr! Waħdi miniex kuntent, żguralment ma rridx nibqa’ f’dil-piena. Jekk int ma tiġix hawn ser niġi jiena. Mużika... Tbikkinix. Hawnhekk waħdi la tħallinix. Tinsinix! X’ngħidlek ma baqagħlix Ħlief li nħobbok, mama, b’serjetà. La ssib ebda oġġezzjoni. Jien ibnek Paul, mama, Benedizzjoni.
8.
Arana jien u ħija kemm insibu bottijiet Għall-Marsa tal-Ingliżi ħalli naqbdu ż-żrinġijiet; Jiena nċaflas ġol-ilma u ħija jiżloq fit-tajn, Immorru t-tnejn bil-ġirja biex ninħaslu fuq il-għajn. Arana, Arana, Arana, infittxu l-bottijiet, Arana, Arana, Arana, fil-wied għaż-żrinġijiet. Deffist ħadida fl-ilma ħsibtni qbadt xi żrinġ fit kbir, Bħal ħmar kelli narmiha, kienet landa tal-butir! Ħija qagħad jidħaq bija u waqagħlu l-bott fil-wied. Miskin, kemm beda jnewwaħ għax ħarbulu ż-żrinġijiet! Arana, Arana, Arana, it-tnejn nidħqu b’xulxin, Arana, Arana, Arana, kemm konna imdejqin. Ingliż ried ikeċċina u beda jgħajjat: “Go away!” U jien irrispondejtu, għedtlu: “Johnny, what’d you say?” Għamiltha ftit tal-iblah għal taparsi ma fhimtux. Bil-Malti għedt lil ħija: “Nibqgħu hawn u ma mmorux”. Arana, Arana, Arana, ’l-Ingliż kif fixkilnih, Arana, Arana, Arana, bil-Malti dħaqna bih. Qalziet imxarrab għasra u bil-qmis imċarrta t-tnejn Insejna, bqajna l-Marsa, kienu daqqu is-sagħtejn. Id-dar b’ġirja wasalna; qlajna xebgħa numru sei Konn’ ilna minn filgħodu, lill-mama m’għednilha xej’! Arana, Arana, Arana, dak l-ikel kemm ifuh, Arana, Arana, Arana, ħallietna t-tnejn bil-ġuħ.
9.
Nibqa’ nżommha tixgħel fija din il-fidi kollha dawl, Hekk, kif waslet sħiħa għalija sa minn meta ġie San Pawl. Jien ngħaddiha lit-tfal tiegħi biex dawn, bħali, jagħmlu patt Li dil-fidi tassew kbira dejjem jirtu ulied dil-gżira. Żgur minn Malta ma tmut qatt. Qaddisin missirijietna tempji ’l Alla, għalina bnew, Minn fejn dejjem barka ġietna. X’monumenti kbar ħallew! Minnhom dawn riedu jgħallmuna li d-destin tagħna mhux haw’; Alla biss kien l-hena tagħhom, f’kull bżonn dejjem waqaf magħhom. Bħalhom fih biss nittamaw. Ta’ kull sena festa kbira f’nhar San Pawl niċċelebraw; Jalla ta’ qawmien jiswielna biex fil-fidi nissudaw. Jekk xi ħadd jiġi jipprova jisirqilna dat-twemmin Malta bħal blata żonqrija tkun b’idejn San Pawl miksija, Missier veru tal-Maltin!
10.
Ġewwa Spanja mal-Franċiżi sewwasew kif spiċċa l-ġlied Talbu ’s-sindku, wara l-kriżi il-permess, il-patrijiet, Li l-kastell bil-bombi mwaqqa’ f’kunvent jibdlu bla dewmien. Patrijiet ħadmu lkoll b’daqqa sa bdew fih jgħammru flimkien. Darba l-ajk sema’ l-qampiena, ir-rixtellu jiftaħ mar, Sab tarbija tibki l-ħniena fl-art telquh xi qlub mill-agħar. Sabuh nhar San Marċellino U hekk semmewh lil dal-bambino Marċellino Pane e Vino Marċellino Marċellin. Patrijiet tgħidx kemm tħabtulu, kemm ċanfir minħabba fih Biex familja isibulu forsi tkun tista’ trabbih. Ħadd ma riedu; dal bambino trabba u kiber fil-kunvent, Patrijiet b’dan Marċellino kulħadd kien tassew kuntent Għax kien fuq ruħu u jittanta lill-patrijiet u ’l Fra Din Don Bil-film tiegħu kulħadd skanta; tmur fejn tmur tisma’ dat-ton: Sabuh nhar San Marċellino U hekk semmewh lil dal-bambino Marċellino Pane e Vino Marċellino Marċellin. Fil-kunvent ġo kamra fqira kien jinsab il-kruċifiss Marċellin b’imħabba kbira lilu kien ikellem spiss; Jara ’l-ajk il-mejda jarma, mingħajr ħsejjes Marċellin L-ikel ta’ xi patri jżarma u jiġri bih għand il-Bambin. Kollu ħlewwa, Marċellino, ħobż u nbid kuljum jagħtih, Mhux ta’ b’xejn li Pane e Vino il-Bambin lilu semmih! Sabuh nhar San Marċellino U hekk semmewh lil dal-bambino Marċellino Pane e Vino Marċellino Marċellin. Darba l-ajk għamillu l-għassa fejn imur bil-ħobż u nbid. Ra ’l-Bambin jiekol u ċċassa, ferħ ġo qalbu kompla jżid. Marċellin lil Ġesu talbu li jixtieq jara ’l-mama, Il-Bambin kien qralu f’qalbu u urihielu b’serjetà. Marċellin ma damx jistenna; nagħsa ħelwa daħlet fih; Il-Bambin kien ħadu l-ġenna biex għal dejjem igawdih. Sabuh nhar San Marċellino U hekk semmewh lil dal-bambino Marċellino Pane e Vino Marċellino Marċellin.
11.
Sejjer lejn l-iskola, dejjem b’xi ballun Kont naqbeż u nogħla; jien kelli raġun. Ġieli tal-qampiena qas kont nagħti kas; Nibqa’ nilgħab, jiena, il-ballun bir-ras Ma’ sħabi rock and roll nilagħbu l-football. L-ikbar ferħ għalina kienu s-sibtijiet Bil-football erħina; żraben, gerijiet... Ngħaqqdu xi partita f’għalqa fil-Ħamrun; Vendi jew Pulita basta bil-ballun Ma’ sħabi rock and roll nilagħbu l-football. Reading, Writing u Arithmatic Kemm mort l-iskola rasi kollha stikk Għax wara l-homework, ikun liema jkun, Kont niġri barra nfajjar bil-ballun oh! Mat-tim tal-iskola lgħabt fil-forward line. Qlajt elf karambola, Kemm xkanajt fit-tajn! L-istadium il-Gżira b’ġirja mmur mid-dar; Prasteov-Ladmira, rajt partiti kbar. Ħabbejtu il-football fuq ir-rock and roll.
12.
Il-kampnar tal-knejjes tal-bliet tagħna kemm iħobb leħnu jsemmagħna; Minn dak l-għoli isejjħilna kuljum u nisimgħuh għaliex jaqblilna. Tkun xi festa jferraħ ’il-qlub tagħna, fis-smewwiet jerfagħna. Dak l-ilsien inħobbu jiena, xi pjaċir il-moti tal-qanpiena. Din Don Dan Maltemp kbir f’nofs ta’ xi lejl iħabbruhulna Din Don Dan Biex nitolbu u kull gwaj ibegħdulna U l-kampnar mingħajr qatt ma jistona tgħidx kemm mużika ikkompona; Għall-quddies tokki qawwija, filgħaxija l-mota tal-Ave Marija, Nota mgħaġġla żgur ta’ xi funzjoni jew benedizzjoni U b’nota tal-ħamis flgħaxija biex niftakru f’Jum L-Ewkaristija. Din Don Dan Meta t-tokki nisimgħuhom ftit għajjiena Din Don Dan Ngħidu Requiem, xi ħabib ħalliena Żmien il-gwerra konna insejniehom u aħna, li mdorrijin bihom Minn filgħodu sa filgħaxija daqq xejn u mill-kampnar x’melankonija! Imma wara l-gwerra nimpikaw bejnietna; kemm-il qampiena ġietna! Berikniehom u tellajniehom u tgħidx kemm fraħna li mill-ġdid smajniehom. Din Don Dan Minn dak l-għoli fejn issaltan bħal Reġina Din Don Dan Doqq, qampiena, ibqa’ doqq għalina Kun reġina b’qalb ħanina, Qatt tħallina u doqq għalina. Din Don Dan

about

Għanjiet Mumenti Ħelwin fih tużżana kanzunetti kantati minn Gaetano Buttigieg fejn bintu Mary Anne Zammit takkumpanjah fuq il-pjanu. Il-mumenti ħelwin meta kienu jiltaqgħu biex hi ddoqq u hu jkanta kienu jservu ta' terapija mużikali li kienet tferrħu mhux ftit lil Gaetano u mhux b'inqas lil Mary Anne. Waqt li sofra l-Alzheimer's u d-Demensia, Gaetano baqa' jiftakar il-melodiji u l-lirika tal-kanzunetti tiegħu. Hemm ftit sekondi fil- kanzunetti: "Il-Kaċċatur" u "Arana" fejn Gaetano tfixkel tikka l-kliem. Trid tqis li r-recording sar meta kellu 79 sena, jiġifieri sena u nofs biss qabel ħalliena. Min kien jgħożż lil Gaetano Buttigieg fi żmienu żgur li se jerġa' jieħu gost jiftakar fil-kanzunetti tiegħu permezz ta' dan l-album li qed nippreżentalkom.

credits

released July 31, 2022

license

all rights reserved

tags

about

Mary Anne Zammit Malta

WELCOME to my website where you may enjoy songs in maltese.
Thanks for supporting.

MERHBA fuq is-sit tiegħi fejn tista' tgawdi għanjiet u kanzunetti bil-malti.
Grazzi tas-sapport.

contact / help

Contact Mary Anne Zammit

Streaming and
Download help

Report this album or account

If you like Mary Anne Zammit, you may also like: